Festa 2026
Il-Belt Vittoriosa
Programm tal-Attivitajiet tal-Festa 2026

Ħruġ tal-Vara Titulari u Bidu tal-Festa 2026

Daqq tal-Mota li tħabbar il-bidu tan-novena u l-bidu tal-Festa 2026.
Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċipriet, il-Kan Dun Karm Busuttil, flimkien mal-Kapitlu u l-kleru. Wara ħruġ min-niċċa tal-vara titulari ta' San Lawrenz.
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tibda marċ minn quddiem Palazzo Huesca sa quddiem il-knisja. L-istatwa titulari tinħareġ fuq iz-zuntier u l-Banda tagħtiha tislima bid-daqq tal-Innu San Lawrenz. Wara tinġarr tul il-korsija, titqiegħed fuq il-bradella. Tingħata l-Barka Sagramentali u Innu San Lawrenz. Il-Banda San Lawrenz tkompli bil-marċ tal-Mota madwar it-toroq tal-Birgu.
Bidu tan-Novena — Jum l-Għaqdiet u Festa tat-Tfal

Quddiesa animata għat-tfal fil-knisja parrokkjali, organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ Palmiżi. Iqaddes Fr John Avellino.
Marċ mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz. Fi tmiem il-marċ, l-istatwa ta' San Lawrenz tittella' fuq il-kolonna fuq iz-zuntier tal-knisja. Isir festin għat-tfal taħt iz-zuntier tal-knisja.
Quddiesa tan-Novena mill-Kan Teologu Dun Joe Galea. Tul in-novena jippriedka Fr Kevin Schembri. Mistiedna speċjali l-għaqdiet tal-parroċċa. Wara l-quddiesa, antifona, Ċelebrazzjoni Ewkaristika, Barka Sagramentali, bews tar-relikwija San Lawrenz u Innu San Lawrenz.
It-Tieni Jum tan-Novena — Jum iż-Żgħażagħ

Quddiesa Novena minn Fr John Avellino. Mistiedna ż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa, b'mod speċjali dawk impenjati fil-festa. Wara l-quddiesa kollox bħall-jum ta' qabel.
It-Tielet Jum tan-Novena — Jum il-Familji

Quddiesa tan-Novena mill-Kan Teżorier, Mons Brendan Gatt. Mistiedna l-familji tal-parroċċa tagħna, b'mod speċjali dawk il-koppji li din is-sena qed jiċċelebraw il-25 jew il-50 sena taż-żwieġ tagħhom. Wara l-quddiesa, kollox bħall-jum ta' qabel.
Riċeviment tal-festa f'Palazzo Huesca, mis-Soċjetà Mużikali San Lawrenz.
Ir-Raba' Jum tan-Novena — Jum ir-Romol u l-Għeżież li Ħallewna

Quddiesa tan-novena mill-Kan Onorarju Dun George Spiteri. Mistiedna r-romol tal-parroċċa u l-familjari ta' dawk li ħallewna matul l-aħħar sena. Wara l-quddiesa, kollox bħall-jum ta' qabel.
Il-kunċert 'Civitas Dei' fil-knisja mill-Orkestra Filarmonika Levita Martri taħt id-direzzjoni ta' Maestro Andrew Lawrence Zarb. Il-kunċert se jkun ippresedut minn Mons Wojciech Zaluski, Nunzju Appostoliku għal Malta.
Ikla tal-festa fil-Pjazza tal-Birgu, organizzata mill-Kumitat tal-Festa, bis-sehem ta' Josuel, bl-aqwa mużika mill-passat.
Il-Ħames Jum tan-Novena — Jum l-Abbatini u l-Vokazzjonijiet

Quddiesa tan-Novena minn Mons John Muscat. Mistiedna l-abbatini u l-ġenituri tagħhom. Ikollna l-vestizzjoni tal-abbatini l-ġodda. Wara l-quddiesa, kollox bħall-jum ta' qabel.
Is-Sitt Jum tan-Novena — Jum it-Tfal u l-Anzjani

Quddiesa għall-anzjani minn Fr Paul Chetcuti SJ. Mistiedna speċjali l-gruppi tal-anzjani tal-parroċċa u dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar tal-Anzjani.
Manifestazzjoni tat-tfal li tibda miċ-Ċentru tal-Katekiżmu sal-knisja.
Quddiesa tan-Novena mill-Kan Onorarju Dun David Torpiano. Mistiedna b'mod speċjali t-tfal u l-adolexxenti li jattendu ċ-Ċentru tal-Katekiżmu. Wara l-quddiesa, kollox bħall-jum ta' qabel. Isir festin għat-tfal kollha fuq iz-zuntier.
Marċ mill-Banda San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi madwar it-toroq tal-Birgu. Fi tmiem il-marċ is-Sezzjoni Żgħażagħ Palmiżi tippreżenta Symphony of Lights fuq it-Torri ta' San Ġwann.
Is-Seba' Jum tan-Novena — Jum il-Membri tal-Parroċċa li Jgħixu f'Tal-Ħawli
Quddiesa tan-Novena mill-Kan Kantur Dun Stephen Attard. Mistiedna b'mod speċjali l-membri tal-parroċċa li jgħixu fiż-żona Tal-Ħawli. Wara l-quddiesa, kollox bħall-jum ta' qabel.
Marċ mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz minn Triq il-Mina l-Kbira sal-Pjazza tal-Belt Vittoriosa, fejn tesegwixxi l-Programm Vittoriosa in Festa fuq il-planċier artistiku.
L-Anteviġilja — Jum il-Benefatturi, il-Voluntiera u l-Vittoriosani li Jgħixu barra l-Birgu

Quddiesa mill-Arċipriet il-Kan Dun Karm Busuttil, bl-omelija dwar il-Birgu u l-Assedju l-Kbir. Mistiedna speċjali l-benefatturi tal-parroċċa u l-Vittoriosani li m'għadhomx jgħixu l-Birgu. Wara l-quddiesa, jindaqqu l-Innu u l-Antifona ta' Dun Alwiġ Fenech, issir Ċelebrazzjoni Ewkaristika, barka sagramentali u bews tar-relikwija ta' San Lawrenz.
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tilqa' l-istatwa ta' San Lawrenz 'Jagħti d-Dawl lill-Għomja' fil-Pjazza u tibda d-dimostrazzjoni bl-istatwa sa Triq il-Mina l-Kbira, fejn l-istatwa tittella' fuq il-kolonna fost id-daqq tal-Innu popolari.
Il-Banda Filarmonika Nazionale La Valette tal-Belt Valletta tagħmel Programm Mużikali fuq il-planċier fil-Pjazza. Wara tingħaqad mal-Banda Vittoriosana San Lawrenz biex takkumpanja l-istatwa ta' San Lawrenz.
Lejlet il-Festa
Pontifikal Solenni minn Mons George Frendo OP, Arċisqof Emeritu ta' Tirane-Durres fl-Albanija, flimkien mal-Kapitlu u s-saċerdoti. Wara l-quddiesa jitkanta t-Te Deum u jingħata 'Ġieħ il-Kolleġġjata' lil xi membri tal-parroċċa. Mistiedna speċjali l-imsieħba f'Ġieħ il-Kolleġġjata.
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tibda l-marċ tat-Te Deum. Meta l-marċ jasal il-Pjazza jinfetaħ il-Ballun tradizzjonali. Fi tmiem il-marċ se jsir Spettaklu tal-Karti u d-Dħaħen fil-Pjazza mis-Sezzjoni Żgħażagħ Palmiżi, segwit minn The Red Vibe fil-bitħa tal-Każin.
Quddiesa mill-Arċipriet, il-Kan Carmelo Busuttil.
Traslazzjoni solenni tar-relikwija ta' San Lawrenz mill-knisja ta' Santa Skolastika sal-knisja Kolleġġjata, akkumpanjata mill-Banda Żejtun Għaqda Santa Katarina VM taż-Żejtun. Wara l-Ewwel Għasar, quddiesa mmexxija mill-Arċipriet flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Wara l-quddiesa tingħata l-Barka Sagramentali.
Il-Banda Żejtun tibda marċ minn quddiem Old City Pub fi Triq San Lawrenz, li jkompli għal Triq Nestu Laiviera u l-Pjazza, fejn fit-8:15pm tesegwixxi Programm Mużikali fuq il-planċier. Wara tkompli bil-marċ madwar it-toroq tal-Birgu.
Il-Banda Għaqda Mużikali San Leonardo ta' Ħal Kirkop tibda marċ minn Triq Boffa sal-Pjazza, fejn tesegwixxi Programm Mużikali fuq il-planċier. Wara tkompli bil-marċ madwar it-toroq tal-Birgu.
La Notte di San Lorenzo: Spettaklu ta' logħob tan-nar tal-ajru sinkronizzat mal-mużika mtella' mill-Għaqda Piroteknika 10 ta' Awwissu.
Logħob tan-nar tal-art fix-Xatt tal-Birgu, quddiem il-knisja parrokkjali.
L-Għid ta' San Lawrenz

Il-mota tradizzjonali tal-Għid ta' San Lawrenz.
Quddiesa mmexxija mill-Pirjol, Patri Aaron Zahra OP.
Quddiesa kkonċelebrata bis-sehem tal-Kapitli ta' Bormla, l-Isla u San Pawl, il-Belt. Imexxi l-Kan Anthony Cassar, Arċipriet ta' Bormla.
Marċ mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz madwar it-toroq tal-Birgu, akkumpanjata mill-entitajiet tal-festa. Meta l-marċ jasal il-Pjazza jitqegħdu kuruni tar-rand quddiem l-istatwa ta' San Lawrenz.
Kant ta' Tifħir ta' Sbieħ il-Jum.
Quddiesa Solenni ta' Jum San Lawrenz immexxija mill-Arċipriet, il-Kan Dun Karm Busuttil, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata u l-kleru. Jinseġ il-paniġierku f'ġieħ San Lawrenz Mons Joseph Sultana.
Quddiesa minn Fr Manuel Camilleri SDB.
Quddiesa animata minn Agatha Zahra. Iqaddes Fr Alan Joseph Adami OP.
Kant tat-Tieni Għasar Solenni.
Il-Banda tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta' Ħal Qormi tibda marċ minn Triq il-Kardinal.
Il-Banda tas-Soċjetà Filarmonika King's Own tal-Belt Valletta tibda marċ minn Triq Sir Paul Boffa u wara tesegwixxi Programm Mużikali fuq il-planċier fil-Pjazza.
Toħroġ il-purċissjoni mmexxija mill-Kan Dun Karm Busuttil, Arċipriet.
Il-Banda Kristu Re ta' Raħal Ġdid tibda marċ minn quddiem il-knisja ta' San Lawrenz.
Dħul tal-purċissjoni fl-isfond tad-daqq tal-Antifona ta' Dun Alwiġ Fenech. Wara Ċelebrazzjoni Ewkaristika, bews tar-relikwija u Innu San Lawrenz. Il-membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta' Awwissu jroddu ħajr lil San Lawrenz.
L-Għada tal-Festa
Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz tibda l-marċ tal-għada tal-festa mill-Pjazza sa ħdejn il-kolonna. Meta l-Banda tasal ħdejn il-kolonna, titniżżel l-istatwa ta' San Lawrenz 'Jagħti d-Dawl lill-Għomja'. Wara l-Banda takkumpanja l-istatwa sal-Oratorju.
Ottava ta' San Lawrenz
Quddiesa, repożizzjoni tar-relikwija ta' San Lawrenz, Ċelebrazzjoni Ewkaristika, Barka Sagramentali u Innu San Lawrenz. Għeluq il-festa ta' San Lawrenz 2026.

Jekk tixtieq website bħal din għall-Festa jew l-Attivita tiegħek ċempel 79518386.
Għall-Aħħar Aħbarijiet mill-Kottonera - Segwi Kottonera News
Follow